Sunny Aquilina

 

sunny-photo

Sunny Aquilina twieled Bormla, il-Belt Cospicua minn Elizabeth, xebba Gauci, u Emmanuel Aquilina nhar l-1 t’April, 1946. Huwa l-kbir fost disa’ ulied. Ħa l-edukazzjoni tieghu fl-Iskola Primarja ta’ Bormla, fil-Liċeo l-Ħamrun, fil-Kulleġġ tal-Għalliema u l-MCAST minn fejn beda l-professjoni ta’ għalliem. Għall-ewwel ħadem ukoll fil-posta fejn iltaqa’ ma’ Joe Tanti tal-Greenfields u kienu ħbieb ħafna u jitkellmu fit-tul fuq il-mużika u kanzunetti. Missieru ħeġġu jitgħallem il-mużika mal-Banda San Ġorġ ta’ Bormla. Taħt is-Surmast Pawlu Gauci ta’ 9 snin ħareġ idoqq mal-Banda ta’ Bormla fejn għamel 40 sena sħaħ bandist u ħafna snin fil-kumitat fejn kellu wkoll karigi uffiċjali bħal Direttur, Segretarju u Viċi President. Għall-ħabta tal-1965 flimkien ma’ erba’ żgħażagħ oħra waqqfu l-Grupp Mużikali The Lost Sound u Sunny kien il-kantant ewlieni u beda jikteb l-ewwel kanzunetti tiegħu għal dan il-grupp, li kienu jkantawhom flimkien ma’ kanzunetti Ingliżi, Amerikani u Taljani waqt wirjiet, dances u tiġijiet.

Għandu għal qalbu l-ilsien Malti, il-kitba, il-mużika u l-arti. Fil-fatt ħa kors fl-arti fl-Accademia Pietro Vanucci ġewwa Peruġja, l-Italja. Kiteb u pproduċa programmi għar-radju u t-T.V., scripts għal għadd ta’ D.V.D.s, novelli, artikli, poeżiji u rebaħ premjijiet f’konkorsi letterarji u festivals mużikali kemm Malta kif ukoll barra. Imsieħeb fl-‘Akkademja tal-Malti’ u fl-‘Għaqda Poeti Maltin’. Kitbiet tiegħu dehru f’ġurnali, rivisti, f’antoloġiji u nstemgħu fuq ir-radju u t-T.V. u kienu rrekordjati fuq bosta CDs. Kiteb il-ktieb ‘Studju tal-Festa Maltija’ li mhux ippubblikat u ko-awtur tal-kotba ‘Minn Qalbna Marija’ (poeżiji Marjani) u ‘Il-Pijunieri tal-Football Malti’. Fl-1993 ingħata l-Premju Citta’ di Valletta għall-kontribuzzjoni letterarja.

Sunny Aquilina rnexxielu jikteb kemm xoghol klassiku bhalma huma Oratorio, u Cantati kif ukoll kitba leggera bhal ghadd ta’ Innijiet u kanzunetti. Ħafna mill-kitba serja tiegħu ġiet immużikata mis-Surmast Ray Sciberras.

Kiteb ukoll bosta kanzunetti ma’ diversi kompożituri. Imma mal-komkpożitur Jason Cassar, li jiġi r-raġel ta’ bintu, Sunny fetaħ kapitlu ġdid għall-kitba tal-lirika għal kanzunetti melodjużi u flimkien ħolqu stil għalihom li kien suċċess kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Għall-festival ‘Il-Għanja tal-Poplu’ kiteb flimkien ma’ Jason, il-kanzunetti, ‘Għanjet il-Poplu’ li għadha s-sigla tal-Festival ‘Il-Għanja tal-Poplu’ sal-lum, ‘Ismagħni Ftit Ħabib’ kanzunetta fuq id-droga li baqgħet popolari tassew u bil-lirika taghha Sunny kien nominat ghall-ahjar lirika bil-Malti fil-Malta Music Awards 1995; u ‘It-Tlett Ibliet’ li kisbet it-tielet post. Dawn tkantaw minn Chiara filwaqt li kanzunetta oħra kienet ‘Ngħożżu l-Wirt’ kantata minn Claudio Tonna u ‘Għanja Maltija’ li Sunny kiteb ma’ Andrew Zahra u tkantat minn Ina Robinich u Claudette Pace. Fost kanzunetti oħra fil-‘Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija’ Sunny u Jason kisbu r-raba’ post bil-kanzunetta ‘L-Isbaħ Żmien’ kantata minn Debbie Scerri u ‘Riflessi’ li tkantat minn Kevin Borg. F’dan il-festival fl-1998 kisbu t-tieni post bid-dwett ‘Għal Xulxin’ li kantaw Renato u Adelina Attard. Din il-kanzunetta maqluba bl-Ingliż, ‘So Much’ u kantata minn Adelina Attard rebħet l-ewwel post fil-Festival ‘Discovery 2000’ fil-Bulgarija.

Fil-festival ‘Konkors Kanzunetti Indipendenza’ Sunny u Jason rebħu it-tieni post bil-kanzunetta ‘Tgħid x’Kien?’ u it-tielet post b’Dawl u Tama’ kantati t-tnejn minn Adelina Attard. Kanzunetti miktuba minn Sunny rebħu wkoll l-ewwel u t-tieni fil-festival ‘Fl-Ghaqda l-Melodija’. Kellhom suċċess ukoll fil-Festivals ta’ kanzunetti għall-Eurovision. Sunny u Jason kitbu ‘The One That I Love’, kantata min Chiara u kellhom suċċess kbir b’din il-kanzunetta billi mhux biss rebħet il-Festival għall-Ewropa imma ġiet it-tielet fil-Eurovision Song Contest 1998 ġewwa Birmingham fl-Ingilterra. Għas-suċċess kbir miksub, Sunny, Jason u Chiara ingħataw Award Speċjali fil-Malta Music Awards 1998. Reġgħu rrappreżentaw lil Malta fil-Eurovision 2010 ġewwa Oslo fin-Norveġja, bil-kanzunetta ‘My Dream’ li tkantat minn Thea Garrett. Wara li l-kantant Kevin Borg kanta l-kanzunetti ‘You’re My Dream’ u ‘Whenever’ ta’ Sunny u Jason għamel suċċess kbir għalih u għal Malta meta rebaħ il-‘Pop Idol’ tal-Isvezja.

F’dak li hu xogħol klassiku barra Oratorio u tliet Kantati li saru bis-solisti, Kor, u Banda jew Orkestra Sunny kiteb bosta innijiet. Għall-kompożizzjonijiet ta’Mro. Ray Sciberras F.L.C.M. fost l-Innijiet li kiteb insemmu ‘Omm Beltna’ u ‘Fil-Kuruna Dehbiena Fuq Rasek’ li jitkantaw fil-festa b’devozzjoni kemm ġewwa s-Santwarju ta’ Marija Immakulata f’Bormla kif ukoll barra fil-jiem tal-festa. Fl-2005 l-esekuzzjoni tal-Cantata – ‘Ave Maria Regina et Mater’ fl-okkażjoni taċ-Ċentinarju mill-Inkurunazzjoni tax-xbieha tal-Kunċizzjoni kienet suċċess kbir u nlaqgħet b’applawsi kbar. Sunny Aquilina u s-Surmast Ray Sciberras kellhom suċċess ie]or kbir bil-Kanta Storja ‘Arazzi Leqqiena’ li saret fi Pjazza Paolino Vassallo f’Għeluq il-150 Sena mit-twaqqif tal-Banda ta’ Bormla bil-parteċipazzjoni ta’ kor immexxi minn Abigail Brown u l-kantanti solisti Pamela Bezzina, Dorothy Bezzina, Roger Tirazona u Joseph Grech.

Għall-kontribut kulturali, letterarju u mużikali tiegħu l-Kunsill Lokali ta’ Bormla, fl-2010 onora b’ Ġieħ Bormla lil Sunny Aquilina. Huwa baqa’ jgħix ġewwa Bormla, belt twelidu u miżżewweġ lil Josephine, u għandhom ħamest itfal; Marcon, Noel, Christine, Lorraine u Karen. Għandhom neputija waħda, Marija, li tidher miexja fuq il-passi ta’ nannuha billi qed tistudja t-teorija u titgħallem iddoqq il-pjanu u l-kitarra.

Fl-2013 waqt il-festival L-Għanja tal-Poplu ingħata il-ġiħ L-Għanja li Tibqa’ għall-kontribut kontinwu li ta fil-qasam tal-kanzunetta Maltija.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

fourteen − 4 =