ZGHAZAGH

/ZGHAZAGH
ZGHAZAGH 2017-09-15T09:46:48+00:00

Linja Gwida

© L-Għanja tal-Poplu 1973 – 2017 (VO/0574)

W: www.ghanjafest.com/zghazagh E: ghanjatalpoplu@gmail.com

T: 21233893 / H: 21683761 M: 79923522

>>>Niżżel Regolamenti<<<

>>>Niżżel Formola tal-Applikazzjoni<<<

1.    IL-FESTIVAL

1.1 L-Għanja tal-Poplu – Żgħażagħ huwa festival ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti interpretati miż-żgħażagħ u akkumpanjati live.

Din is-sena (2017), il-festival hu organizzat mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu flimkien mal-Kulleġġ San Benedittu bis-sapport tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Akkademja tal-Malti. Il-Malta Concert Orchestra  ta’ Pjazza Teatru Rjal qed toffri grupp ta’ mużiċisti li ser jakkumpanja l-kanzunetti taħt id-direzzjoni ta’ Mro Paul Abela u Mro Joe Brown,  b’ħidma id f’id mal-kompożituri tal-kanzunetti finalisti.

L-Għanja tal-Poplu hija megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti – Cultural Parnership Agreement .

1.2  L-għanijiet ewlenija tal-festival huma:

  • Nagħtu opportunità liż-żgħażagħ li jattendu l-iskejjel medji u sekondarji li jipparteċipaw f’festival li fih jesprimu l-aspirazzjonijiet, il-ħolm u l-esperjenzi tagħhom; ħaġa li mhux possibbli fil- festival l-Għanja tal-Poplu għax il-parteċipanti irid ikollhom ’l fuq minn 16-il sena;
  • Ninkoraġixxu liż-żgħażagħ biex jinteressaw irwieħhom fil-kitba oriġinali u fl-interpretazzjoni tal-kanzunetta Maltija ta’ kwalità;
  • Noħolqu apprezzament tal-kanzunetta Maltija fost iż-żgħażagħ u l-pubbliku inġenerali;
  • Noħolqu opportunità biex awturi u kompożituri jaħdmu mill-qrib maż-żgħażagħ biex jiktbu u jikkomponu kanzunetti bl-ilsien Malti;
  •  Noħolqu opportunita’ biex il-kanzunetti ppreżentati fil-festival jitwasslu lill-pubbliku Malti, u anke wara l-festival isibu udjenza dejjem ikbar.

1.3 Il-festival jiżvolġi fi tliet fażijiet:

  • (a) l-ewwel fażi tal-għażla, li fiha mill-kanzunetti kollha sottomessi jintgħażlu l-aħjar 30
  • (b) It-tieni fażi tal-għażla, li fiha jitkantaw it-30 kanzunetta magħżula quddiem il-ġurija, u minnhom jintgħażlu s-16-il kanzunetta finalista.
  • (ċ) Il-fażi finali, fejn wara li jinstemgħu l-kanzunetti finalisti, jitħabbru r-rebbieħa.

2.      IL-KANZUNETTI

2.1 Biex jidħlu għall-festival, il-kanzunetti jridu:

(a) jkunu oriġinali f’dik li hi mużika u qatt ma ġew imxandra jew ippubblikati fuq CD;

(b) ikollhom

jew (i) il-lirika oriġinali

jew (ii) bħala lirika jkollhom poeżija mil-lista li tiġi ppubblikata fuq il-website*.Min irid jircievi l-poeżiji għall-iskop ta’ dan il-festival  jibgħat email bit-titlu Nixtieq kopja tal-Poeziji fuq l-email ghanjatalpoplu@gmail.com u jirċievi kopja tal-poeżiji; Jekk il-kanzunetta tintuża f’festivals oħrajn, irid jintalab il-permess tal-awtur.

(c) jkunu kantati bil-Malti;

(d) ma jkunux itwal minn tliet minutiż

* Il-lista ta’ poeżiji li diġà nkiseb permess għalihom biex jintużaw għall-iskop tal-festival jinsabu fuq www.ghanjafest.com/zghazagh. Fil-festival jistgħu jgħaddu iktar minn kanzunetta waħda li jużaw l-istess poeżija.

 

2.2 It-tema tal-kanzunetta hija libera, jiġifieri tista’ tittratta kull suġġett.

Dan il-festival jinkoraġixxi l-kitba ta’ kanzunetti li jesprimu l-esperjenzi, il-gosti, ix-xewqat, ir-relazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet kemm personali, kif ukoll kollettivi, taż-żgħażagħ .

2.3 L-istil mużikali tal-kanzunetti huwa liberu.

2.4 Il-kanzunetti ser jiġu ġġudikati skont il-kliem u l-mużika u r-rabta ta’ bejniethom.

2.5 Persuni involuti fl-organizzazzjoni tal-festival kif ukoll id-diretturi tal-orkestra ma jistax ikollhom sehem fil-produzzjoni ta’ kanzunetti li ser ikunu sottomessi fil-festival.

3.      IS-SOTTOMISSJONI TAL-KANZUNETTI

3.1 Tista’ tiġi ppreżentata iktar minn kanzunetta waħda għall-eliminatorja.

3.2 Il-kanzunetta trid tkun irrekordjata fuq CD. Il-kliem għandu jkun jinftiehem u l-melodija tkun tirrifletti kif ser tkun akkumpanjata l-kanzunetta fl-istadju finali.

3.3 Għal kull kanzunetta jrid jiġi ppreżentat envelop A4 separat li jkun fih:

  • (a) rikording tal-kanzunetta fuq CD, li fuqu jkun hemm miktub biss l-isem tal-kanzunetta,

Track 1. Il-Kanzunetta

Track 2. Il-Backing tal-kanzunetta biss, li jista’ jinkludi l-backing vocals.

  • (b) għaxar kopji tal-lirika, miktuba b’Malti tajjeb;

(ċ)    l-applikazzjoni għall-parteċipazzjoni, mimlija mill-parteċipanti, iffirmata mill-awtur u l-kompożitur, u l-isem tal-iskola medja, sekondarja jew skola tal-mużika jew tal-kant fejn jattendu l-parteċipanti.

(d)    kontribuzzjoni ta’ €40. (tingħata riduzzjoni f’każ li jkun ippruvat li hemm diffikultà finanzjarja)

3.4 L-envelops tal-kanzunetti jintlaqgħu fl-uffiċċju tal-Għanja tal-Poplu, 227 Triq il-Merkanti, il-Belt,  Il-Ħamis, 2 ta’ Novembru 2017 mill-10:30-12:00 u mill-17:30 sat-20:30.

4.      L-ELIMINATORJA

4.1 Għall-iskop ta’ dawn ir-Regolamenti:

  • PARTEĊIPANT tfisser “persuna jew grupp li jkollha/hom sehem fil-ħolqien tal-kanzunetta bħala awtur tal-versi jew kompożitur tal-mużika”.
  • INTERPRETU tfisser “persuna/i li jkollha/hom sehem fit-twassil tal-kanzunetta lill-udjenza”, f’dan il-każ iż-żagħżugħ/a jew żgħażagħ li ser jinterpretaw il-kanzunetta.
  • KANTAWTUR tfisser “persuna /grupp li jinterpreta kanzunetta bi kliem u mużika tal-persuna / grupp stess”

4.2         Il-ġurija tal-eliminatorja tkun magħmula minn persuni esperti fil-lirika, fil-mużika jew fit-tnejn.

4.3        Il-ġurija tal-eliminatorja tiġġudika qabelxejn il-kwalità tal-lirika u l-melodija tal-kanzunetti u r-rabta ta’ bejniethom, u mhux il-preżentazzjoni jew il-kwalità akustika tagħhom. Mhux mitlub recording demo ta’ kwalità professjonali. B’hekk parteċipant jista’ jevita spejjeż żejda.

4.4        Fil-fażi tas-semi finali u finali, l-interpretazzjoni tal-kanzunetta tingħata importanza wkoll.

4.5        Kanzunetta li tkun intgħażlet bħala finalista ma tistax tiġi rtirata mis-serata finali jew mis-CD uffiċjali tal-festival.

5.      IL-FAŻI FINALI

 5.1 Kull  interpretu ta’ kanzunetta ppreżentata fis-serata finali tal-festival irid ikun jattendi skola medja jew sekondarja (Form 1 sa Form 5 ) u għadhom jattendu l-iskola.

5.2 Fis-serata finali kantant/a jew grupp jista’/tista’ jinterpreta/tinterpreta sa żewġ kanzunetti.

5.3 Fis-serata finali grupp ta’ mużiċisti mill-Malta Concert Orchestra ser jakkumpanja l-kanzunetti taħt id-direzzjoni ta’ Mro Paul Abela u Mro Joe Brown.

5.4 Mro Paul Abela u Mro Joe Brown ser joffru li jagħmlu l-arranġamenti mużikali għal kull kanzunetta

bi ftehim mal-kompożitur tal-kanzunetta. Dan ser isir mingħajr ħlas.

5.5  Jekk il-parteċipanti jħossu l-bżonn, jistgħu jipprovdu xi strumentazzjoni a spejjeż tagħhom, u bi ftehim mad-diretturi tal-orkestra. Dan irid isir bl-approvazzjoni tal-organizzaturi li jaraw li kollox ikun teknikament possibbli.

5.6  Il-backing vocals jipprovduhom il-parteċipanti . Permessi sa erba’ backing vocals jekk ikun hemm bżonn.

6.       APPUNTAMENTI 

It-Tlieta, 27 ta’ Ġunju 2017 Tnedija tal-Għanja tal-Poplu – Żagħżagħ
It-Tlieta, 27 ta’ Ġunju 2017 Ippubblikata l-Linja Gwida fuq www.ghanjafest.com/zghazagh
     Ġunju sa Settembru 2017 Jitwieġbu mistoqsijiet fejn hemm diffikultà. Ir-risposti jkunu ppubblikati fuq is-sit www.ghanjafest.com/zghazagh
     Settembru u Ottubru 2017 Laqgħat informattivi għall-parteċipanti prospettivi
 Il-Ħamis, 2 ta’ Novembru 2017 Jintlaqgħu l-applikazzjonijiet u l-kanzunetti
Fil-11,12,13 ta’ Novembru 2017 Jintagħżlu l-aħjar tletin
Is-Sibt u Ħadd 2 u 3 ta’ Diċembru 2017 Jintagħżlu l-aħjar 16-il kanzunetta
8  ta’ Diċembru 2017 Jitħabbru l-Finalisti – jiċċelebraw flimkien.
It-Tnejn 15 ta’ Jannar 2018 Jinġabru  r-recordings finalizzati għas-CD tal-festival.
Frar 2018 Ikun hemm provi mal-orkestra (filgħaxija)
Il-Ħamis,1 ta’ Marzu 2018, filgħaxija Prova Ġenerali
Il-Ġimgħa 2 ta’ Marzu 2018 fil-11am L-ewwel parti tal-finali quddiem udjenza ta’ żgħażagħ mill-iskejjel. Ġurija żagħżugħa
filgħaxija Serata finali miftuħa għall-pubbliku. Ġurija esperta

 

6.2 Min se jieħu sehem fil-festival irid ikun lest li jattendi għall-provi u s-serati finali.

 

7.      IS-SERATI FINALI  

7.1 Il-kanzunetta li titkanta fil-finali trid tkun l-istess kanzunetta, fil-lirika u l-melodija, li tkun ġiet ippreżentata fl-eliminatorja. Korrezzjonijiet  wara l-eliminatorja jistgħu jsiru bl-approvazzjoni tal-kumitat organizzattiv.

7.2 Filwaqt li wieħed għandu jippreżenta u jinterpreta l-kanzunetta bl-iktar mod xieraq għas-suġġett, ta’ min ifakkar li l-esaġerazzjoni fil-moviment, fl-ilbies, fiż-żfin, fil-mima, eċċ. tista’ taljena l-attenzjoni tal-udjenza mil-lirika u l-melodija, li huma l-qofol tal-kanzunetta. Għaldaqstant mhux permessi gruppi taż-żfin jew mimi waqt il-kanzunetti.

7.3 Il-ġurija fis-serati finali tkun magħmula minn persuni esperti fil-lirika, fil-mużika jew fit-tnejn, li jkunu differenti mill-ġurija tal-eliminatorja.

7.4 Waqt l-ewwel preżentazzjoni tat-2 ta’ Marzu li ser issir għall-istudenti, tattendi ġurija  taż-żgħażagħ magħżula mill-kumitat organizzattiv, li jkollha vot li jingħadd ma’ dak tal-ġurija esperta.

7.5 Il-provi u l-finali tal-festival ser isiru fis-sala tal-iskola sekondarja San Benedittu.

 

8.      IL-PREMJIJIET  

Il-premijiet jinkludu:

  • Rikonoxximent lir-rebbieħ/a taqsima Kanzunetta minn poeżija
  • Rikonoxximent lir-rebbieħ/a taqsima Kanzunetta lirika oriġinali
  • Trofew lir-rebbieħa/a kategorija 11-12-il sena
  • Trofew lir-rebbieħa/a kategorija eta 13 sa 16-il sena.
  • Trofew L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ li jingħata lill-kantant/a/i tal-kanzunetta rebbieħa u li jinżamm għal sena.
  • Opportunità li l-kantant/a tieħu/jieħu sehem f’festival barra minn Malta, bl-ispejjeż imħallsa.
  • Rikonoxximent lis-sittax-il parteċipant li ħadu sehem fil-festival.

 

9.      IL-PUBBLIĊITÀ U S-CD TAL-FESTIVAL

9.1 Il-kanzunetti, il-parteċipanti u l-interpreti finalisti tingħatalhom pubbliċità fuq il-mezzi tax-xandir, ir-radju, it-televiżjoni u l-internet. Il-parteċipanti huma mitluba jikkoperaw kemm jistgħu mal-kumitat organizzattiv biex din il-pubbliċità tkun tista’ ssir bl-aħjar mod.

9.2 L-Għanja tal-Poplu jkollu d-dritt li jibqa’ jxandar dawn ir-recordings għal skop ta’ promozzjoni tal-festival. Id-drittijiet tal-kanzunetta jibqgħu tal-awtur u kompożitur.

9.3  Il-kumitat tal-festival ser jippubblika CD uffiċjali tal-festival bil-kanzunetti finalisti kollha

9.4 L-organizzaturi tal-festival ikollhom id-dritt jinkludu l-kanzunetti finalisti fis-CD tal-festival u jbigħu s-CD.

10.    Deċiżjonijiet finali

Dawn ir-regolamenti huma suġġetti għal tibdiliet mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu.  Id-deċiżjonijiet tal-kumitat huma finali.

 

Is-sehem tiegħek f’dan il-festival għandu jkun esperjenza pożittiva għall-karriera tiegħek. Għalhekk inħeġġuk tipparteċipa. Jekk għandek xi mistoqsija jew diffikultà, nistednuk tikkuntattjana pemezz tal-email ghanjatalpoplu@gmail.com . Min-naħa tagħna, se nżommuk aġġornat/a b’dak li jkun qed jiġri permezz tal-websajt www.ghanjafest.com u facebook: ghanjatalpoplu

Jekk għandek xi ħbieb li jista’ jinteressahom li jieħdu sehem fil-festival, ħajjarhom jipparteċipaw.     

 

© L-GĦANJA TAL-POPLU (2017-2018)

Il-festival qed jittella’ mill-Għanja tal-Poplu fllimkien mal-Kulleġġ San Benedittu,  Pjazza Teatru Rjal,

 u b’kollaborazzjoni ma’ L-Akkademja tal-Malti .

L-Għanja tal-Poplu hi megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti – Cultural Partnership Agreement.