Konkorrenza qawwija għall-45 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu.

Il-Kumitat ta’ L-Għanja tal-Poplu jirringrazzja lill-artisti tal-kanzunetta Maltija għall-interess kbir fil-festival hekk kif b’kollox intlaqgħu 178 kanzunetta għall-ewwel fażi tal-eliminatorja ta’ L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija, li issa wasal fil-45 edizzjoni tiegħu. Il-ġurija għandha biċċa xogħol iebsa biex tagħżel l-40 kanzunetta li se jikkwalifikaw għat-tieni stadju tas-semifinali.

Il-kanzunetti ppreżentati fl-ewwel fażi kellhom ikunu akkumpanjati minn strument jew tnejn. B’hekk il-ġurija tkun tista’ tiġġudika aħjar il-kliem u l-melodija bażika. Bħas-sena li għaddiet, fl-ewwel fażi l-ġurati qed jagħtu iktar kas tal-kliem, bil-għan li titjieb il-lirika tal-kanzunetta Maltija. Għalhekk ukoll, fil-bidu ta’ Frar li għadda, il-Kumitat L-Għanja tal-Poplu organizza webinar b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta, għall-artisti tal-kanzunetta Maltija. Fil-webinar, ġew diskussi ideat ta’ kif wieħed jista’ jtejjeb il-kitba tal-kanzunetti. Il-kelliema kienu il-Professur Manwel Mifsud, is-Sur Trevor Zahra, Dr Michael Spagnol, is-Sna Leanne Ellul u s-Sna Sephora Francalanza.

F’nofs Mejju se ssir it-tieni fażi tal-għażla, dik tas-semifinali. Din id-darba l-akkumpanjament tal-kanzunetti jrid ikun simili għal dak mixtieq fil-produzzjoni finali u kantant jista’ jkanta sa kanzunetta waħda biss. Wara jitħabbru l-kanzunetti finalisti.

Is-serata finali tal-45 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu se tittella’ fis-7 ta’ Awwissu 2021 ġewwa Pjazza Teatru Rjal bl-akkumpanjament mużikali tal-Malta Concert Orchestra, dejjem skont kif jippermettu r-regoli tas-saħħa. Din tkun il-ħames darba li l-Malta Concert Orchestra, komposta minn 40 mużiċist, se tkun qed takkumpanja live lill-kantanti f’L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija.

Dan il-festival hu organizzat mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu bil-kollaborazzjoni tal-Malta Concert Orchestra u ta’ Pjazza Teatru Rjal. L-Għanja tal-Poplu huwa mgħejun mil-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency.

Print Friendly, PDF & Email