ghtp

/ghtp

About ghtp

This author has not yet filled in any details.
So far ghtp has created 3 blog entries.

Applikazzjonijiet għall-Għanja tal-Poplu – Żgħażagħ (4 Edizzjoni)

L-Għanja tal-Poplu – Żgħażagħ huwa festival ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti interpretati miż-żgħażagħ u akkumpanjati live.

Ir-raba’ edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu – Żgħażagħ hu organizzat mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu flimkien mal-Kulleġġ San Benedittu bis-sapport tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Akkademja tal-Malti. Il-Malta Concert Orchestra ta’ Pjazza Teatru Rjal qed toffri grupp ta’ mużiċisti li ser jakkumpanja l-kanzunetti taħt id-direzzjoni ta’ Mro Paul Abela u Mro Joe Brown,  b’ħidma id f’id mal-kompożituri tal-kanzunetti finalisti. L-Għanja tal-Poplu hi mgħejuna mill-Kunsill Malti għall-Arti permezz tal-Cultural Parnership Agreement.

Il-kantanti f’dan il-festival irid ikollhom eta’ ta’ bejn il-11 u is-16-il sena u jattendu l-iskola  medja jew sekondarja. Il-kanzunetti iridu jkunu jappellaw għaż-żgħażagħ tal-istess eta’. Il-kumitat organizzattiv iħeġġeġ lill-awturi u kompożituri jiktbu u jikkomponu kanzunetti spirati mill-idejat taż-żgħażagħ parteċipanti. Il-lirika tista’ tkun oriġinali jew tista’ tintuża poeżija pprovduta bl-għajnuna tal-Akkademja tal-Malti (ara lista)

Il-festival ser jittella’ fit-2 ta’ Marzu 2018 Il-kanzunetti  jridu jkunu sottomessi il-Ħamis 2 ta’ Novembru fl-uffiċju tal-Għanja tal-Poplu, 227 Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta. Dawk interessati li jieħdu sehem, mistednin jaqraw il-Linja Gwida, u f’kas ta’ diffikulta’ jikkuntatjaw lill-organizzaturi permezz tal-email ghanjatalpoplu@gmail.com jew fuq mobile 79923522.

Niżżel Linja Gwida PDF (regolamenti) L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ 2018

Niżżel formula tal-applikazzjoni PDF – L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ 2018

Iktar dettalji jinsabu fis-sit www.ghanjafest.com/zghazagh 

 

 

L-Għanja tal-Poplu (VO/0574)

 T: 21233893 / H: 21683761 M: 79923522

By | 2017-10-03T19:25:18+00:00 October 3rd, 2017|Uncategorized|0 Comments

Kunċert minn Walter Micallef f’Jum Malta ġewwa Berlin

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Kunċert minn Walter Micallef f’Jum Malta ġewwa Berlin

Jum Malta fil-Ġermanja ġie ċelebrat fid-19 ta’ Settembru fl-ambaxxata Maltija f’Berlin taħt il-patroċinju tal-ambaxxatur Malti għall-Ġermanja Dr Albert Friggieri. Is-serata, li għaliha attendew  ‘il fuq minn mitt ruħ,  fetħet b’filmat qasir fuq il-Belt Valletta u b’diskors ta’ merħba mill-istess ambaxxatur. Intwera imbagħad fuq skrin kbir messaġġ vidjo għall-okkażjoni mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin l-Onorevoli Carmelo Abela.

Fost il-mistednin kien hemm ambaxxuturi u diplomatiċi minn diversi pajjizi, rappreżentanti mill-ministeri u mill-gvern tal-belt ta’ Berlin, minn assoċjazzjonijiet nazzjonali, ġurnalisti u Maltin li joqogħdu fil-Ġermanja.

Wara d-diskors tal-ambaxxatur u l-messaġġ tal-ministru, kien imiss il-kantawtur Walter Micallef li nterpreta għaxar kanzunetti minn tiegħu bil-Malti. L-udjenza setgħet issegwi b’attenzjoni t-traduzzjonijiet bil-Ġermaniż tal-lirika, kemm minn fuq ktejjeb li sar apposta kif ukoll permezz ta’ viżwali proġettati waqt l-interpretazzjoni tal-kanzunetti. Din kienet okkażjoni unika  fejn instemgħet il-lingwa Maltija flimkien ma’ traduzzjoni simultanja. L-udjenza preżenti segwit b’interess u apprezzat ferm il-mużika u l-kliem tal-kanzunetti ta’ Walter Micallef. Għal ħafna, din kienet l-ewwel darba li semgħu il-Malti. Mistednin li jitkellmu b’ilsna semitiċi oħra stqarrew li f’bosta waqtiet ma kellhomx għalfejn isegwu it-traduzzjoni għax setgħu jifhmu dak li kien qed jiġi kantat.

Dan il-kunċert fl-okkażjoni ta’ Jum Malta ittella’ mill-Ambaxxata Maltija fil-Ġermanja flimkien mal-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu li  hi mgħejjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti permezz tal-ftehim “Cultural Partnership Agreement”.

By | 2017-10-03T19:12:32+00:00 October 3rd, 2017|Uncategorized|0 Comments

  Ir-Rebbieħa tal-41 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu

PRESS RELEASE

IR-REBBIEĦA TAL-41 EDIZZJONI TAL-ANJA TAL-POPLU

Festival tal-Kanzunetta Maltija

 

Il-kanzunetta rebbieħa L-Għanja tal-Poplu 2017 – Festival tal-Kanzunetta Maltija li sar ġewwa Pjazza Teatru Rjal is-Sibt 2 ta’ Settembru hija ‘Meta r-Ramel Jitħallat Mas-Silġ’, kantata minn Jessica Magro, kliem ta’ Paul Ellul u mużika ta’ Pamela Bezzina. Il-kanzunetta tirrifletti dwar il-konflitti ta’ mibgħeda u ta’ qerda madwar id-dinja.

Ritratt: Mark Soler

Il-kanzunetta ‘13, Strada Stretta’ interpretata minn Dario u Grecia Bezzina, bi kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ l-istess Dario Bezzina ġiet klassifikata fit-tieni post. Il-kanzunetta tippreżenta konverżazzjoni ħelwa, bejn barmaid Maltija li lesta tagħmel kollox biex taqla lira żejda.

 

Fit-tielet post ġiet il-kanzunetta ‘Rutina Tgħallina’ tal-grupp kanawtur Xarulù li b’mod umoristiku tfakkarna dwar il-ġlieda biex intlaħqu mal-ħajja mgħaġġla tal-llum li spiss tispiċċa tħaddimna wisq biex naraw l-għeżież tagħna jgħixu iktar komdi. Il-kanzunetta tad-duo Xarulù ħadet ukoll il-premju ġdid tal-aħjar rikording li sar għand Jubox Recording House.

 

Il-premju għall-interpretazzjoni intrebaħ mill-Għawdxija Monica Said li kantat il-kanzunetta ‘Ritratt’ fuq kliem u mużika ta’ Philip Vella – kanzunetta li tesprimi futur mimli tama u bla biża ta’ xejn.

 

Odelsie Camilleri rebħet il-premju tal-iktar kanzunetta oriġinali permezz tal-kanzunetta ‘Narak Kuntent’ bi kliem u mużika tagħha stess. Il-qofol tal-kanzunetta huwa li l-veru kuntentizza tinsab magħġuna mas-sempliċita’.

 

Intant il-premju tal-aħjar kantawtur intrebaħ minn Ryan Grech li ta interpretazzjoni eċċellenti tal-kanzunetta tiegħu ‘Min Jaf’ li timraħ fil-ħsibijiet ta’ persuna li tbati mid-dimensja.

 

Il-ġieh “L-Għanja li Tibqa” ngħata lil Mary Rose Mallia f’għeluq l-50 sena ta’ kontribut lill-kanzunetta Maltija. Hija tat interpretazzjoni mill-aqwa ta’ tlett kanzunetti li huma sinonimi magħħa; Il-Festa, Din L-Omm minn Ġensna u Is-Saħħara ta’ Wied Għafrid.

 

Ippreżentaw is-serata tal-festival Sarah Lee Zammit u Clifford Galea bl-għajnuna tas-simpatiku Aiken Buhagiar.

 

Il-festival ġie organizzat mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu flimkien ma’ Pjazza Teatru Rjal u bil-kollaborazzjoni ta’ L-Akkademja tal-Malti. L-Għanja tal-Poplu hi megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti – Cultural Partnership Agreement. L-Malta Concert Orchestra b’40 mużiċist taħt id-direzzjoni tal-Mro Paul Abela u l-Mro Joe Brown tat is-sehem tagħha f’dan il-festival  b’ħidma id f’id mal-kompożituri tal-kanzunetti finalisti.

 

Aktar tagħrif jinstab fil-websajt:

www.ghanjafest.com u fuq  facebook: www.facebook.com/GhanjaTalPoplu

Il-festival ser jixxandar fuq it-televiżjoni fil-jiem li ġejjin u fuq Radju Malta 2 is-Sibt 9 ta’ Settembru fit-8.30pm

By | 2017-10-03T19:06:42+00:00 October 3rd, 2017|Uncategorized|0 Comments