Stqarrija għall-Istampa minn L-Għanja tal-Poplu

Jiftħu l-applikazzjonijiet għall-44 Edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija

It-tim organizzattiv tal-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija, jemmen fil-ħila tal-awturi, kompożituri u l-gruppi mużikali Maltin. Minkejja s-sitwazzjoni preżenti ma qatax qalbu u xorta qed joffri okkażjoni fejn l-artisti joħolqu u jippromwovu kanzunetti ta’ kwalità bl-ilsien Malti.

L-għan tal-festival huwa li jintgħażlu u jixxandru l-aħjar kanzunetti fost dawk ippreżentati. Din is-sena l-festival ser jikkonsisti f’festival televiżiv b’filmati tal-kanzunetti parteċipanti. Fl-aħħar tal-festival jitħabbru r-riżultati u ssir il-premjazzjoni skont il-ġudizzju tal-ġurija.

Il-festival ser ikun festa ta’ kanzunetti bil-Malti, biex jitgawdew mit-telespettaturi Maltin u ser jixxandar fuq l-istazzjonijiet ta’ PBS. Għalkemm din is-sena l-organizzatturi m’għandhomx dħul mill-biljetti, il-premjijiet xorta tħallew kif kienu. Is-sottomissjoni tal-kanzunetti ser issir online.

L-organizzaturi tal-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija jħeġġu lill-artisti tal-kanzunetta Maltija jieħdu l-okkażjoni u joħolqu kanzunetti li jagħtu gost lill-pubbliku Malti. Min jixtieq aktar informazzjoni jew irid xi għajnuna jista’ jikkuntattja lill-organizzaturi mill-aktar fis. Is-sottomissjonijiet jintlaqgħu sal-1 ta’ Lulju 2020 minn www.ghanjafest.com/sottomissjoni-2020


L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu ser ikompli bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra wara li tinbidel is-sitwazzjoni preżenti.

E: ghanjatalpoplu@gmail.com

W: www.ghanjatalpoplu.org

F : GhanjaTalPoplu

Y: ghanja tal-poplu channel

S: soundcloud l-ghanja-tal-poplu

T: 21683761

M: 79923522  SMS: 99882646

Print Friendly, PDF & Email