Monthly Archives: January 2016

///January

Manwel Mifsud dwar il-Kanzunetta bl-ilsien Malti

intervistat minn Michael Bugeja

X’tgħid dwar Il-qawmien li kien hemm dawn l-aħħar snin fl-użu tal-ilsien Malti minn gruppi żgħażagħ fi sfond ta’ mużika kontemporanja (vs l-istil li aktar kienet magħrufa għalih il-kanzunetta Maltija fil-passat)?

Dari, nmanwel.mifsudgħidu aħna sa sebgħin jew sittin sena ilu, il-Malti kien qab
elxejn lingwa mitkellma u l-problema tiegħu kienet li – minkejja li kien l-ilsien nazzjonali – ma kienx qiegħed jintuża biżżejjed f’oqsma uffiċjali ta’ ċerta importanza (bħalma huma l-liġi, il-Knisja, iċ-ċivil, is-senjaletika) għax dawn tradizzjonalment kienu jinqdew b’lingwa barranija, l-ewwel it-Taljan imbagħad l-Ingliż. Il-Malti għalhekk kienu jissejjaħ “ilsien tal-kċina”. Il-kanzunetta Maltija, li kienet għadha fi tfulitha, żviluppat b’temi lokali, “każalingi”, folkloristiċi jew ċajtiera, għalkemm ma damx ma trawwem fil ġdid ta’ kanzunetta iktar attwali u iktar impenjata, li fih il-festival tal-YTC kellu sehem ewlieni. B’xi mod kienet, fil-qasam tal-mużika, ir-rifless tar-rivoluzzjoni letterarja li heżżet ix-xena letterarja Maltija tas-sittinijiet.

Il-problema, kif naraha jien, illum inqalbet. Filwaqt li l-Malti ħa postu aħjar bħala lsien nazzjonali (u qed jintuża f’ħafna mill-oqsma importanti), fil-familji Maltin hemm tendenza qawwija li l-ġenituri jkellmu lil uliedhom bl-Ingliż. Għażla dibattibbli ħafna, u fil-fehma tiegħi żbaljata, imma teżisti u rridu nirrikonoxxuha u nirrispettawha ta’ li hi. Il-Malti issa daħal fil-Parlament imma ħiereġ mill-kċina! Riżultat ta’ dan, kif ukoll tal-influwenza dinjija qawwija tal-kanzunetta bl-Ingliż, kien li l-maġġoranza assoluta tal-awturi u l-kantanti żgħażagħ tagħna jikkomponu u jkantaw kważi esklużivament bl-Ingliż. Il-Malti kien mhedded li ma jibqax jitħaddem bħala medju artistiku fil-mużika popolari.

Imma donnu li l-għeruq il-qodma dejjem jerġgħu joħorġu, għaliex bħalissa qed naraw artisti żgħażagħ (bħal Hooligan, Brikkuni, Kantilena, PDM, eċċ.) li qed jiskopru u jħaddmu l-Malti f’ġeneri u b’ritmi li mexjin bħalissa fil-mużika kontemporanja bl-Ingliż u b’ilsna oħra. Fl-istess ħin, it-temi tagħhom aktarx huma lokali u jirriflettu ħafna xi jħoss u x’jemmen (jew aktar x’ma jemminx) iż-żagħżugħ Malti tal-lum. Jekk din hix nebbieta waħda li għad tmut fuq ommha jew hijiex il-ftuħ ta’ rebbiegħa ġdida għall-kanzunetta Maltija mhux ħafif biex tbassru. Imma naħseb li wasal iż-żmien li dan l-interess jiġi rikonoxxut u tingħatalu l-għajnuna kollha biex ikun jista’ jitrawwem u jikber.

 X’taħseb dwar l-importanza ta’ festivals bħal GħTP u l-impatt tagħhom fuq l-identità Maltija fil-mużika in ġenerali, u kif jista’ dan il-festival jilħaq aktar nies?

Inħoss li f’Malta dejjem bżajna nuru li neżistu, għax ma nemmnux biżżejjed fina nfusna. Dan jidher fil-fatt li, waqt li popli oħra wisq ikbar u wisq iktar kożmopolitani minna ma jiddejqux jagħmlu reklam lill-prodott lokali tagħhom (kemm jekk ikun it-tadam jew il-kanzunetta), malli xi ħadd fostna jitħajjar jagħmel xi ħaġa bħal din dlonk jaqbżu ħafna li jfakkruh li m’għadux iż-żmien tal-“patrijottiżmu”. Kif naraha jien, huma sewwasew dawn li għadhom ilsiera ta’ kumpless millenarju ta’ inferjorità. Aħna m’aħniex poplu kbir jew żgħir, m’aħniex aqwa jew agħar minn popli oħra, imma aħna poplu għalina, u neżistu bil-kwalitajiet, bl-istorja, bil-gosti, bl-ilsien u bl-identità tagħna. Huwa dan li, bil-mod pjaċevoli imma ostinat tiegħu, ipprova jfiehem il-festival L-Għanja tal-Poplu tul dawn l-aħħar 40 sena, jiġifieri sa mill-1973. Għaraf jinbidel max-xejra taż-żmien u llum nara li qed jiġbor u jħaddan fih anke lill-artisti żgħażagħ li semmejt hawn fuq.

Intenni li l-istat Malti – li jonfoq flejjes kbar f’intrapriżi mużikali oħra, anke inqas awtentiċi –  għandu jagħti l-għajnuna u l-inkuraġġiment kollu lil dik il-mużika li tgħin lill-poplu Malti jagħraf lilu nnifsu dejjem aħjar u jrawwem għanjiet li jista’ jidentifika ruħu magħhom.

U, ladarba l-kanzunetta llum hija mezz qawwi ta’ komunikazzjoni, huwa d-dmir ukoll tal-mezzi tal-komunikazzjoni li jagħtu spazju xieraq lill-kanzunetta Maltija ta’ kull żmien u jippromwovuha kemm jistgħu.

X’jista’ jsir iżjed biex aktar kantanti u mużiċisti jitħajru jużaw ilsien pajjiżna fil-kanzunetti tagħhom?

Il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar: il-paroli u l-massimi mhumiex biżżejjed. Jiena nemmen li iktar ma jkun hemm rappreżentazzjonijiet (kunċerti, programmi fit-televiżjoni u r-radju, siti tal-internet, eċċ.) dwar il-kanzunetta Maltija, iktar il-Maltin jitgħallmu japprezzaw dan il-prodott.

Hemm bżonn ukoll ta’ ġabra, kemm reali u kemm virtwali, li tiddokumenta l-produzzjoni diskografika bil-Malti u kulma nkiteb fuqha, u li jkun hemm post fejn issir diskussjoni u laqgħa bejn l-artisti Maltin tal-kanzunetta, biex juru u jaqsmu fehmiethom, japprezzaw xogħol xulxin u jiddakkru minn xulxin.

Naħseb li l-iskejjel u l-knejjes għandhom jagħtu sehemhom ukoll. Fl-iskejjel billi t-tfal Maltin jiġu esposti sa miċ-ċokon għall-kant Malti u billi l-aħjar xogħlijiet Maltin jintużaw kemm bħala letteratura mat-testi letterarji kif ukoll waqt diskussjonijiet u laqgħat tal-istudenti f’suġġetti bħall-PSD u l-istudji soċjali. Il-Knisja, li għandha wirt għani ta’ mużika popolari reliġjuża, kultant tinsa u tarmi dan kollu u tinġarr mill-moda tal-kant bl-Ingliż, aktarx b’lirika fjakka u melodija taz-zokkor, li ma naħsibx li qed jgħinha fl-evanġelizzazzjoni.

U dan kollu mhux għall-Festival tal-Għanja tal-Poplu, li huwa għodda biss u mhux il-għan aħħari. Imma għall-poplu tagħna. Biex forsi xi darba jkollu vuċi Maltija li tirrappreżentah, li titkellem fuq l-interessi, l-imħabbiet, il-weġgħat u l-identità tiegħu. Ikollu l-għanja tiegħu. Kif għandu kull poplu matur.

Manwel Mifsud, professur universitarju fil-qasam tal-lingwa Maltija, ilu involut fix-xena mużikali Maltija għal ħafna snin, l-iktar wara l-kwinti, xi ftit ukoll quddiemhom bħala kantawtur. Kien fost il-grupp ta’ żgħażagħ li, fi ħdan il-YTC, waqqfu l-festival L-Għanja tal-Poplu fl-1973. Kiteb bosta kanzunetti ta’ xeħta soċjali (fosthom: Vassalli, Għajnejn Sbieħ, April, Għanja lil-Libertà, eċċ.) u rebaħ l-istess festival sitt darbiet. Qaleb ukoll bosta kanzunetti folk għall-Malti. Ikkompona l-parti l-kbira tal-Via Sagra Ikun li Trid Int, li llum titqies bħala xogħol klassiku fil-ġeneru tiegħu u li għadu maħbub u maħdum minn ġenerazzjonijiet differenti fil-Ġimgħa Mqaddsa. Kiteb ukoll artikli u ktibiet (papers) dwar l-iżvilupp tal-mużika Maltija mill-għana għall-kanzunetta u pproduċa sensiliet ta’ programmi bir-radju bl-istess tema.

Manwel Mifsud                                                                                                          7.4.2013

By | 2016-01-31T11:09:46+00:00 January 31st, 2016|Uncategorized|0 Comments

L-Għanja tal-Poplu – Tnedija ser issir fi Frar

Wara numru ta’ żviluppi ġodda u nteressanti li saru tul dawn l-aħħar jiem il-Festival tal-Għanja tal-Poplu ser jieħu xejra ġdida. Qegħdin naħdmu biex flimkien ma’ diversi entitajiet kulturali jinħolqu aspettattivi ġodda li jagħmlu ġid għall-wirt kulturali tal-Għanja tal-Poplu.

Għaldaqstant it-tnedija li kellha issir il-Ħamis 14 ta’ Jannar 2016 ġiet postposta għal iktar tard. Iktar dettalji ser jitħabbru mill-iktar fis possibli.

 

 

 

By | 2016-01-13T15:23:04+00:00 January 12th, 2016|Uncategorized|0 Comments

L-Għanja tal-Poplu < l-40 Edizzjoni >

L-Għanja tal-Poplu għandu jieħu żvolta’ ġdida hekk kif id-diriġenti tal-festival għamlu ftehim ta’ kollaborazzjoni maċ-Ċentru għall-Kreattivita’. It-Tnedija tal-40 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu mistennija ssir fi żmien qarib fil-Kavallier ta’ San Ġakbu l-Belt.

Is-suġġett tal-kanzunetti huwa liberu, mhux neċessarjament jkun fuq tema soċjali. Il-kumitat L-Għanja tal-Poplu ser jkun responsabbli mill-programm u l-lat kompettitiv tal-festival. L-organizzatturi jħeġġu l-awturi, kompożituri, kantanti, gruppi u kantawturi biex jipparteċipaw f’dan il-festival nazzjonali bl-ilsien Malti.

By | 2016-01-07T12:40:15+00:00 January 5th, 2016|Uncategorized|3 Comments